Knisja u Mafja
320 paġna
21cm x 14.5cm
ISBN: 978-9918-0-0018-0
Meta nhar il-11 ta’ April 2006, il-pulizija Taljana qabdet lil Bernardo Provenzano, wara 43 sena maħrub, kulħadd baqa’ mistagħġeb kif dan il-kap assolut u vjolenti ta’ Cosa Nostra, il-mafja ta’ Sqallija u waħda mill-ikbar mafji tad-dinja, kien qed jistaħba ġo post fqir, jgħix ħajja mill-aktar sempliċi. Imma kien hemm dettal ieħor li forsi ġie ttraskurat minn ħafna imma li lill-awtur Robert Aloisio laqtu iżjed. F’dak il-post fqir kien qed jgħix bniedem reliġjożissimu, mimli santi u statwi sagri, mimli simboli tal-fidi Kattolika u strumenti ta’ talb.
“Meta sirt naf b’dil-ħaġa ħsibt li dan kien biss dettall relatat ma’ Provenzano, każ iżolat,” jikteb Aloisio, “iżda jiena u nfittex, skoprejt li kważi l-mafjużi kollha huma reliġjużi jew “nies tal-Knisja”. Il-ħażen jagħmluh bi skop tajjeb, jgħidu huma. Imma kif Aloisio jipprova juri f’dan il-ktieb ġdid tiegħu, Mafja u Vanġelu mhuma b’ebda mod kompatibbli, minkejja li għal ħafna żmien, ħafna, anki fil-Knisja, ħasbu li dawn iż-żewġ realtajiet setgħu jgħixu flimkien u ma kienu jaraw ebda kontradizzjoni f’dan kollu. Fit-tieni kapitlu, l-awtur jittratta numru ta’ saċerdoti Sqallin, minsijin mill-istorja, li fil-bidu tas-seklu għoxrin fehmu din il-kontradizzjoni enormi u ħaduha kontra l-fenomenu mafjuż u minħabba f’hekk kellhom iħallsu l-ogħla prezz.
Iżda kellu jgħaddi litteralment seklu biex tasal l-ewwel żvolta kbira fil-Knisja. Il-Kardinal ta’ Palermo, Salvatore Pappalardo fl-1982, fil-funeral tal-Ġeneral dalla Chiesa, għamel diskors qawwi li fih akkuża pubblikament lill-Istat li kien qed iparla ħafna dwar Mafja u fir-realtà ma jagħmel xejn. Ir-risposta tal-Mafja ma damitx ma waslet għax, kif nirrakkonta fir-raba’ kapitlu, meta Pappalardo mar iqaddes fil-kappella tal-ħabs ma tfaċċa ħadd mill-priġunieri.
Imbagħad wara għaxar snin oħra ta’ silenzji u ilħna jgħajtu fid-deżert, wasal dak id-9 ta’ Mejju tal-1993, meta f’Agrigento, ħafna minna l-Maltin niftakru lill-Papa Ġwanni Pawlu II jgħajjat mal-mafjużi: “Dawn li għandhom fuq il-kuxjenza tagħhom tant vittmi umani, iridu jifhmu li ma jistgħux joqtlu nies innoċenti! Ma jistax il-bniedem, hu min hu, ebda assoċjazzjoni umana, Mafja, ma tista’ tibdel jekk tikkalpesta dan id-dritt santissimu ta’ Alla! Dan il-poplu tant marbut mal-ħajja... ma jistax jgħix dejjem taħt il-pressjoni taċ-ċiviltà tal-mewt... F’isem dan Kristu... ngħidha lil min hu responsabbli: ikkonvertu! Xi darba jasal il-ġudizzju ta’ Alla!”
Dakinhar kien hemm mitt elf ruħ miġbura biex ifakkru lil Falcone u ’l Borsellino, u l-Papa kien għadu kif iltaqa’ għal ftit ħin mal-ġenituri tal-Imħallef Rosario Livatino, li nqatel mill-Mafja f’Settembru 1990, u li fl-okkażjoni tal-beatifikazzjoni tiegħu qed nippubblika dan il-ktieb. Mhux li l-mafjużi tant beżgħu mill-kundanna tal-Papa – għalkemm lil xi wħud qabbdithom it-triq tal-konverżjoni, imma fuq kollox ħafna saċerdoti u lajċi għamlu tagħhom dak il-kliem u sarrfuh f’azzjoni pastorali.
Għaddew biss erba’ xhur minn dik il-kundanna, u fil-15 ta’ Settembru 1993, il-Mafja assassinat lil Padre Pino Puglisi, qassis twajjeb, imma deċiż bis-saħħa li ma jħallix iż-żona ta’ Brancaccio f’Palermo taħt il-kontroll tal-poter politiku-mafjuż u fi ftit żmien irnexxielu jiġbed it-tfal u liż-żgħażagħ lejn il-knisja u jqabbadhom triq differenti. Fit-tmien kapitlu, l-awtur jagħti profil estensiv ta’ dan is-saċerdot kuraġġuż, u fl-appendiċi għandu żewġ intervisti interessanti li għamel ma’ żewġ persuni li ħadmu fil-qrib ma’ Don Puglisi, Swor Carolina u Pino Martinez.
Is-sena ta’ wara kien imiss saċerdot ieħor, il-kappillan ta’ Casal di Principe, Giuseppe Diana, li wara li l-Mafja qatlitu, bdiet kampanja ta’ tfigħ ta’ tajn kontra tiegħu, li skont strateġija tipikament mafjuża, tipprova mhux biss toqtol il-persuna imma wkoll l-ideat tagħha. Dwar dawn il-personaġġi kollha, issa tistgħu taqraw iżjed dwarhom f’dan il-ktieb ġdid tiegħu.
Il-qligħ kollu mill-ktieb se jmur għall-Caritas Parish Djakonija Network.