Falcone u Borsellino
Jinkludi Intervista ta' l-awtur ma' Maria Falcone oħt l-imħallef maqtul mill-mafja.
202 paġna
21cm x 14.5cm
ISBN: 978-99957-914-1-4
Falcone u Borsellino
Kienet is-sena 1992. U jekk f’Malta dik is-sena ma ġara xejn ħlief elezzjoni u żjara oħra tar-Reġina, fi Sqallija, sittin mil biss ’il bogħod minna, kienu qegħdin iseħħu ġrajjiet bil-wisq iktar interessanti minn dak li kien qed jiġri f’din id-daqxejn ta’ gżira... Fi Sqallija kien qed jiġri d-demm. Hemmhekk il-politiċi kienu qegħdin jinqatlu, u magħhom ġurnalisti, imprendituri, imħallfin u kriminali magħrufa. Ma kinux qegħdin jinqatlu mil-lava tal-Etna. Kienu qegħdin jinqatlu mill-Mafja.
... Giovanni Falcone kien il-bniedem li flimkien ma’ sieħbu Paolo Borsellino, imħallef ieħor kapaċissimu, bdew iżarmaw is-sistema mafjuża. Fl-1986, Falcone u Borsellino kienu bdew l-ikbar proċess penali fl-istorja tad-dinja, dak li l-ġurnalisti sejħulu l-Maxiprocesso ta’ Palermo, li fih tressqu kważi ħames mitt mafjuż. Is-sentenza finali kienet ingħatat fit-30 ta’ Jannar 1992.
Fit-23 ta’ Mejju 1992, l-Imħallef Giovanni Falcone nqatel b’nofs tunnellata splussiv li l-mafjużi ta’ Totò Riina poġġew taħt it-triq minn fejn kellu jgħaddi. Kienet xena drammatika li ma konniex imdorrijin naraw bħalha fl-Ewropa. Sa dak iż-żmien konna rajna biss bħalha f’Bejrut u fil-Lvant Nofsani.
Meta qatlu lil Falcone, l-Imħallef Borsellino kien jaf li issa kien imiss lilu. Fil-fatt, xahrejn wara qatlu lilu. Bħall-attakki terroristiċi tal-11 ta’ Settembru 2001 fl-Istati Uniti, li kulħadd jiftakar fejn kien meta seħħu, ħafna Taljani u dawk il-Maltin li jsegwu x-xena Taljana jiftakru fejn kienu meta ġrat l-“Istraġi ta’ Capaci” u l-“Istraġi ta’ Via D’Amelio”.
... Falcone u Borsellino kellhom fiduċja kbira fiż-żgħażagħ. Għalhekk ma kinux jarawha ħela ta’ ħin li jmorru fl-iskejjel jitkellmu u jiddiskutu magħhom. Jiena wkoll, bħala edukatur, nemmen fiż-żgħażagħ. Nemmen fis-saħħa tagħhom, fis-sinċerità tagħhom, fil-kuxjenza tagħhom. Nemmen li probabilment huma aħjar minna l-kbar, li forsi drajna nagħmlu kompromessi mal-ħażen.
Fi kliem Borsellino nnifsu, “Il-ġlieda kontra l-Mafja għandha tkun moviment kulturali u morali, li fih jieħu sehem kulħadd, speċjalment il-ġenerazzjoni żagħżugħa, li huma l-iktar disposti li jħossu l-ġmiel tal-fwieħa tal-libertà u jiċħdu l-intiena tal-kompromess morali, tal-indifferenza, tal-viċinanza, u allura tal-kompliċità.”